Menu Close

Mistoqsijiet Frekwenti

F’Malta, il-medjazzjoni hija rregolata mill-Att dwar il-Medjazzjoni (Kapitolu 474 tal-Liġijiet ta’ Malta) li daħal fis-seħħ fl-21 ta’ Diċembru 2004. Iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għal Malta twaqqaf fis-7 ta’ Lulju 2005, meta nħatar l-ewwel Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru.

Iċ-Ċentru, li huwa korp li għandu personalità ġuridika distinta, ġie stabbilit biex jipprovdi forum fejn żewġ partijiet jew aktar involuti fit-tilwima jew f’litigazzjoni jistgħu b’mod volontarju jirreferu jew jiġu riferuti mill-Qorti jew minn awtorità ta’ aġġudikazzjoni oħra, sabiex isolvu t-tilwima tagħhom permezz ta’ medjazzjoni, jiġifieri, il-proċess li fih medjatur, akkreditat miċ-Ċentru, jaġixxi bħala terza persuna mparzjali bil-ħsieb li jiffaċilita n-negozjati bejn il-partijiet sabiex jgħinhom isolvu t-tilwima tagħhom billi jilħqu ftehim volontarju.

L-Att prinċipali kien emendat bl-Att IX tal-2010 prinċipalment għall-iskopijiet tat-traspożizzjoni fil-leġislazzjoni ta’ Malta r-rekwiżiti li rigward Direttiva tal-EU 2008/52/EC dwar Ċerti Aspetti tal-Medjazzjoni fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali. L-Att emendat daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Jannar 2011 minn A.L. 10/2011. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jirregolaw it-tilwim transkonfinali ġew estiżi biex japplikaw ukoll għal każijiet domestiċi.

In vista li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ Medjazzjoni tagħna, b’mod ġenerali kienu konformi ma’ dawk tad-Direttiva, kien hemm bżonn ta’ ftit emendi żgħar xi jsiru għall-Att prinċipali bħala riżultat ta’ Direttiva.

Il-medjazzjoni hija definita mill-Att bħala proċess li fih medjatur, li huwa individwu newtrali, kwalifikat u imparzjali, jiffaċilita n-negozjati bejn il-partijiet biex jgħinhom jilħqu ftehim volontarju dwar it-tilwim tagħhom.

It-tilwim jista’ jiġi riferut liċ-Ċentru għall-medjazzjoni:

  1. volontarjament, wara deċiżjoni magħmula mill-partijiet litiganti. Il-partijiet involuti jistgħu jissottomettu t-talba tagħhom għal medjazzjoni billi jimlew l-applikazzjoni elettronika minn fuq il-websajt taċ-Ċentru (https://mediation.mt) jidħlu fuq “eForms u Mistoqsijiet Fekwenti” u jissottomettu online. Mal-ħlas tal-miżata skont it-Tariffa S.L. 474.01, iċ-Ċentru jipprovdi lill-partijiet lista ta’ medjaturi akkreditati biex jagħżlu wieħed minnhom biex jibda l-proċess ta’ medjazzjoni; jew
  2. wara digriet jew ordni mill-Qorti jew minn awtorità aġġudikatorja oħra fuq talba tal-partijiet fil-proċedimenti wara li jkunu diġà bdew il-proċedimenti kontenzjużi. Meta l-qorti tqis li jkun xieraq li t-tilwima tista’ tiġi solvuta permezz tal-assistenza ta’ medjatur, hija tista’, fuq inizjattiva tagħha stess, tirreferi t-tilwima għall-medjazzjoni; jew
  3. skont il-liġi, jiġifieri medjazzjoini obbligatorja jew minn kwalunkwe awtorità li ma tkunx awtorità ta’ aġġudikazzjoni jew permezz tal-eżekuzzjoni ta’ klawżola f’kuntratt li tirrikjedi li l-partijiet jissottomettu għal medjazzjoni kull tilwima li tirriżulta taħt jew mit-termini tal-kuntratt.

It-tilwim li jinvolvi kwistjonijiet ċivili, tal-familja, soċjali, kummerċjali jew industrijali jista’ jiġi riferut għall-medjazzjoni. Min-naħa l-oħra, każijiet li jeħtieġu deċiżjoni legali jew preċedent vinkolanti jew dawk li jinvolvu reati kriminali jew fejn kwerelant ifittex danni punittivi, mhumiex applikabbli għal medjazzjoni.

Għandu jiġi nnutat li l-medjazzjoni tal-familja tirreferi għal ċertu tilwim familjari bħal, per eżempju, tilwim dwar wirt jew tilwim li jirriżulta minn negozju ta’ proprjetà tal-familja. Ma tinkludix separazzjoni jew divorzju li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti Ċivili, Sezzjoni tal-Familja, u huma rregolati minn leġiżlazzjoni speċifika.

Jekk fil-każ ta’ medjazzjoni volontarja jew jekk tiġix riferuta liċ-Ċentru mill-Qorti jew minn awtorità ta’ aġġudikazzjoni oħra jew bil-liġi, medjatur jintgħażel mill-partijiet litiganti mil-lista ta’ medjaturi akkreditati maċ-Ċentru, sakemm il-persuna magħżula tkun aċċettabbli b’mod reċiproku għall-partijiet kollha fit-tilwima. Jekk il-partijiet ma jaqblux dwar l-għażla ta’ medjatur aċċettabbli għaż-żewġ partijiet, iċ-Ċentru għandu jaħtar bħala medjatur il-persuna li isimha jkun imiss fuq il-lista ta’ medjaturi approvati.

Ir-rwol prinċipali tal-medjatur huwa li jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-partijiet li qegħdin f’kunflitt bil-għan li jgħinhom jaslu għal riżoluzzjoni volontarja għat-tilwima tagħhom b’mod ġust u mhux għalja. Għalkemm il-medjatur jamministra l-laqgħa u huwa responsabbli għall-proċedimenti, huwa ma għandux jimponi soluzzjonijiet jew deċiżjonijiet u m’għandu l-ebda setgħa li jisforza soluzzjoni. Il-medjatur ma għandux jaġixxi bħala ġudikant jew bħala arbitru. Is-soluzzjoni għandha tintlaħaq biss bi ftehim bejn il-partijiet. Dawn huma responsabbli għas-soluzzjoni finali tat-tilwim. Barra minn hekk, medjatur m’għandu l-ebda dritt jew dmir li jagħti pariri legali lill-partijiet anke jekk dan ikun avukat. Il-partijiet għandhom ifittxu parir legali biss mingħand il-konsulent legali tagħhom. Il-medjatur, madankollu, jista’ jqajjem kwistjonijiet u jgħin lill-partijiet jesploraw l-għażliet.

Id-dmir ewlieni tal-medjatur għandu jsegwi l-Kodiċi ta’ Kondotta taċ-Ċentru għall-Medjaturi fil-qadi ta’ dmirijiethom u josserva b’mod strett il-prinċipji bażiċi tal-imparzjalità u t-trasparenza. Il-medjatur għandu jkollu l-fiduċja tal-partijiet litiganti matul il-proċess kollu ta’ medjazzjoni. Jekk matul il-proċess ta’ medjazzjoni, il-partijiet, jew kwalunkwe wieħed minnhom, jesprimu dubju dwar kwalunkwe ċirkostanza li tikkonċerna l-imparzjalità jew l-indipendenza tal-medjatur li ma kinitx magħrufa lilhom qabel il-bidu tal-proċess, il-medjatur għandu jirtira u jiġi sostitwit minn medjatur ieħor li għandu jinħatar miċ-Ċentru.

Il-kunfidenzjalità hija l-pedament tal-proċess ta’ medjazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Att jistipula li dak kollu li jintqal matul il-medjazzjoni, inklużi l-komunikazzjonijiet kollha bejn il-partijiet u l-medjatur ikunu kunfidenzjali u ma tkun ammissibbli l-ebda evidenza ta’ xi ħaġa jew dokumenti prodotti matul il-proċess ta’ medjazzjoni fi kwalunkwe proċediment ta’ litigazzjoni. Barra minn hekk, medjatur ma jistax jiġi mħarrek bħala xhud ta’ dak li jkun seħħ u dwar dak li jkun sar jaf matul il-proċedimenti ta’ medjazzjoni.

Il-medjatur jista’, madankollu, jiżvela lill-Qorti jew korp ta’ aġġudikazzjoni kwalunkwe informazzjoni miksuba matul il-proċess ta’ medjazzjoni sakemm il-partijiet kollha tal-medjazzjoni jagħtu l-kunsens tagħhom bil-miktub. Barra minn hekk, l-iżvelar tal-kontenut tal-ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni (jiġifieri ftehim ta’ soluzzjoni) huwa wkoll permess meta meħtieġ biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal jew biex tiġi evitata ħsara għall-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna jew fejn l-iżvelar huwa meħtieġ sabiex jiġi implimentat jew infurzat il-ftehim.

L-att jipprovdi li l-partijiet waqt medjazzjoni jistgħu, matul il-proċedimenti ta’ medjazzjoni, jkunu assistiti minn avukat, prokuratur legali jew kwalunkwe individwu maħtur minnhom qabel jew matul il-medjazzjoni.

Il-medjazzjoni tista’ tiġi tterminata għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

  1. meta l-partijiet jilħqu ftehim sħiħ; jew
  2. meta l-medjatur jinnotifika lill-partijiet litiganti bil-miktub li fl-opinjoni kkunsidrata tiegħu, huwa mprobabbli li l-medjazzjoni tirriżulta f’soluzzjoni; jew
  3. meta l-partijiet jilħqu soluzzjoni parzjali u l-medjatur jiddetermina li medjazzjoni ulterjuri mhux ser issolvi l-kwistjonijiet li fadal jew
  4. meta waħda mill-partijiet tagħżel li ma tkomplix bil-proċess ta’ medjazzjoni.

Il-partijiet ta’ medjazzjoni huma meħtieġa bil-liġi biex jeżegwixxu ftehim bil-miktub (ftehim ta’ soluzzjoni) meta l-kwistjonijiet kollha jiġu solvuti. Il-kontenut tal-ftehim bil-miktub ikollu l-istess titolu ta’ deċiżjoni jew sentenza ġudizzjarja sakemm il-partijiet kollha jaqblu.

Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, il-partijiet se jispiċċaw fl-istess sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-proċess ta’ medjazzjoni. Madankollu, jekk matul il-proċess ta’ medjazzjoni, il-partijiet ikunu identifikaw u laħqu ftehim dwar ċerti kwistjonijiet in kwistjoni u jiddeċiedu li jsegwu jew ikomplu bil-każ tagħhom fil-Qorti, ikunu naqqsu l-kwistjonijiet ta’ kunflitt bejniethom.

Dawn li ġejjin huma wħud mill-vantaġġi li l-medjazzjoni għandha fuq il-litigazzjoni:

(a) f’litigazzjoni hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha kontroll esklużiv kemm tal-proċedura kif ukoll tal-eżitu. Fil-medjazzjoni, il-partijiet iżommu kontroll sħiħ tal-kwistjoni tagħhom u huma huma responsabbli biex jaħdmu flimkien sabiex jilħqu ftehim. Filwaqt li l-medjazzjoni tipprova tipprovdi soluzzjoni win/win, il-litigazzjoni hija, min-natura tagħha, proċess ta’ rebħa/telfa;

(b) il-medjazzjoni hija ħafna inqas għalja mill-litigazzjoni u hija proċess ħafna aktar mgħaġġel. Il-kawżi ċivili ħafna drabi jdumu ħafna snin biex jiġu konklużi filwaqt li l-proċess kollu ta’ medjazzjoni jista’ jitlesta fi żmien ftit ġimgħat, jew anke fi ftit jiem;

(c) Il-proċedimenti tal-qorti jsiru pubbliċi waqt li l-proċedimenti ta’ medjazzjoni jsiru fil-privat u jkunu strettament kunfidenzjali;

(d) rari ħafna għal kwalunkwe forma ta’ ħbiberija jew kooperazzjoni tkompli teżisti bejn il-partijiet li jispiċċaw fil-Qorti. Fejn jintlaħaq ftehim permezz ta’ medjazzjoni, il-partijiet ikollhom jifhmu lil xulxin aħjar u n-negozju preeżistenti jew ir-relazzjonijiet l-oħra eżistenti qabel it-tilwima normalment jiġu lura għan-normal.

Skip to content