Il-Ħatra tal-Medjaturi

F’konformità mal-funzjonijiet imposti fuq iċ-Ċentru mill-Att, wieħed mill-ewwel kompiti mwettqa mill-Bord tal-Gvernaturi kien it-tfassil ta’ Kodiċi ta’ Kondotta li għandu jiġi segwit minn medjaturi matul il-proċedimenti ta’ medjazzjoni. Sabiex ikun hemm l-infrastruttura meħtieġa, il-pass li jmiss kien it-twaqqif ta’ kriterji għall-ħatra ta’ medjaturi u żewġ korsijiet ta’ medjazzjoni saru, wieħed f’Lulju 2008 u ieħor f’Frar 2009.
Bil-għan li jiġi żgurat li persuni akkreditati bħala medjaturi jkunu kwalifikati ħafna fil-ħiliet tal-medjazzjoni, iċ-Ċentru għamel arranġamenti mal-Università ta’ Malta għall-introduzzjoni ta’ kors li jwassal għal Diploma ta’ Wara l-Gradi fil-Medjazzjoni. L-ewwel kors beda f’Frar 2011 bħala kors part-time ta’ filgħaxija. F’Jannar 2012 il-kors ġie aġġornat għal Master tal-Arti fi Medjazzjoni u jitħaddem bħala kors part-time ta’ filgħaxija għal perjodu ta’ tliet snin.
Preżentament, medjatur li jixtieq ikun akkreditat maċ-Ċentru tagħna irid ikun fil-pussess ta’ Masters fil-Medjazzjoni mill-Università ta’ Malta jew grad ekwivalenti rikonoxxut minn istituzzjoni jew aġenzija ta’ taħriġ ta’ medjazzjoni barranija li tkun rikonoxxuta u approvata mill-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għal Malta skond l-Att Kap. 474 Art. 5 (d).
Medjatur huwa meħtieġ li jkollu għarfien tal-lingwa Ingliża u Maltija. Il-kompetenza lingwistika għandha tippermetti lill-medjatur jikkomunika, jifhem u jwettaq dmirijiet bl-akbar effiċjenza.