Medjazzjoni: Definizzjoni

Il-medjazzjoni hija definita mill-Att bħala proċess li fih medjatur, li huwa individwu newtrali, kwalifikat u imparzjali, jiffaċilita n-negozjati bejn il-partijiet biex jgħinhom jilħqu ftehim volontarju dwar it-tilwim tagħhom.
Emendi għall-Att
L-att prinċipali kien emendat bl-Att IX tal-2010 prinċipalment għall-iskopijiet tat-traspożizzjoni fil-leġislazzjoni tagħna tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill2008/52/KE dwar Ċerti Aspetti tal-Medjazzjoni fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali. L-att li jemenda daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Jannar 2011 minn L.N. 10/2011. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jirregolaw it-tilwim transkonfinali ġew estiżi biex japplikaw ukoll għal każijiet domestiċi.
In vista li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ Medjazzjoni tagħna kienu, b’mod ġenerali, konformi ma’ dawk tad-Direttiva kienu biss ftit emendi żgħar li kienu meħtieġa li jsiru għall-Att prinċipali bħala riżultat ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva.
Medjazzjoni Domestika u Internazzjonali
L-att jagħmel dispożizzjoni kemm għall-medjazzjoni domestika kif ukoll għal dik internazzjonali:
- “Il-medjazzjoni domestika” hija definita mill-Att bħala kwalunkwe medjazzjoni ta’ natura ċivili, familjari, soċjali, kummerċjali u industrijali. Għandu jiġi nnutat li l-medjazzjoni tal-familja tirreferi għal ċertu tilwim familjari bħal, pereżempju, tilwim dwar wirt jew tilwim li jirriżulta minn negozji tal-familja. Ma tinkludix separazzjoni jew divorzju li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti Ċivili, it-Taqsima tal-Familja, u li huma rregolati minn leġiżlazzjoni speċifika.
- Skont l-Att. “medjazzjoni internazzjonali” tinkludi tilwim transkonfinali ta’ natura ċivili u kummerċjali. Tilwima transkonfinali hija waħda li fiha mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti f’Malta u l-parti l-oħra hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat ieħor tal-Unjoni Ewropea.